Fuljett ta’ tagħrif: Informazzjoni għall-pazjent
Imnovid 1 mg kapsuli ibsin
Imnovid 2 mg kapsuli ibsin
Imnovid 3 mg kapsuli ibsin
Imnovid 4 mg kapsuli ibsin
pomalidomide
▼Dan il-prodott mediċinali huwa suġġett għal monitoraġġ addizzjonali. Dan ser jippermetti identifikazzjoni ta’ malajr ta’ informazzjoni ġdida dwar is-sigurtà. Inti tista’ tgħin billi tirrapporta kwalunkwe effett sekondarju li jista’ jkollok. Ara t-tmiem ta’ sezzjoni 4 biex tara kif għandek tirrapporta effetti sekondarji.
Imnovid hu mistenni li jikkawża difetti severi tat-twelid u jista’ jwassal għall-mewt ta’ tarbija mhux imwielda.
- Tiħux din il-mediċina jekk inti tqila jew jekk tista’ tinqabad tqila.
- Trid issegwi l-pariri dwar il-kontraċezzjoni deskritti f’dan il-fuljett.
Aqra sew dan il-fuljett kollu qabel tibda tieħu din il-mediċina peress li fih informazzjoni importanti għalik.
- Żomm dan il-fuljett. Jista’ jkollok bżonn terġa’ taqrah.
- Jekk ikollok aktar mistoqsijiet, staqsi lit-tabib, lill-ispiżjar jew lill-infermier tiegħek.
- Din il-mediċina ġiet mogħtija lilek biss. M’għandekx tgħaddiha lil persuni oħra. Tista’ tagħmlilhom il-ħsara, anke jekk għandhom l-istess sinjali ta’ mard bħal tiegħek.
- Jekk ikollok xi effett sekondarju, kellem lit-tabib, lill-ispiżjar jew lill-infermier tiegħek.
- Dan jinkludi xi effett sekondarju li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Ara sezzjoni 4.
F'dan il-fuljett:
1. X’inhu Imnovid u għalxiex jintuża
X’inhu Imnovid
Imnovid fih is-sustanza attiva ‘pomalidomide’. Din il-mediċina hi relatata ma’ thalidomide u tappartjeni għal grupp ta’ mediċini li jaffettwaw is-sistema immuni (id-difiża naturali tal-ġisem).
Għalxiex jintuża Imnovid
Imnovid jintuża għall-kura ta’ adulti li jkollhom tip ta’ kanċer imsejjaħ ‘majeloma multipla’.
Imnovid jintuża jew ma’:
- żewġ mediċini oħra – imsejħa ‘bortezomib’ (tip ta’ mediċina tal-kimoterapija) u ‘dexamethasone’ (mediċina kontra l-infjammazzjoni) f’persuni li jkunu ħadu mill-inqas kura waħda oħra – inkluż lenalidomide.
Jew
- mediċina oħra – imsejħa ‘dexamethasone’ f’persuni li l-majeloma tagħhom tkun marret għall-agħar, minkejja li jkunu ħadu mill-inqas żewġ kuri oħrajn – inklużi lenalidomide u bortezomib.
X’inhi majeloma multipla?
Majeloma multipla hi tip ta’ kanċer li jaffettwa ċertu tip ta’ ċellula bajda tad-demm (imsejħa ċ-’ċellula tal-plażma’). Dawn iċ-ċelluli jikbru bla kontroll u jakkumulaw fil-mudullun. Dan jirriżulta fi ħsara lill-għadam u l-kliewi.
Il-majeloma multipla ġeneralment ma tistax tiġi kkurata. Madankollu, il-kura tista’ tnaqqas is-sinjali u s-sintomi tal-marda, jew iġġiegħelhom jisparixxu għal perijodu ta’ żmien. Meta dan jiġri, jissejjaħ ‘rispons’.
Kif jaħdem Imnovid
Imnovid jaħdem b’numru ta’ modi differenti:
- billi jwaqqaf liċ-ċelluli tal-majeloma milli jiżviluppaw
- billi jistimula lis-sistema immuni biex tattakka liċ-ċelluli tal-kanċer
- billi jwaqqaf il-formazzjoni ta’ kanali tad-demm li jissupplixxu ċ-ċelluli tal-kanċer.
Il-benefiċċju tal-użu ta’ Imnovid ma’ bortezomib u dexamethasone
Meta Imnovid jintuża ma’ bortezomib u dexamethasone, f’persuni li ħadu mill-inqas kura waħda oħra, jista’ jwaqqaf il-majeloma multipla milli taqleb għall-agħar:
- Bħala medja, Imnovid meta jintuża ma’ bortezomib u dexamethasone waqqaf il-majeloma multipla milli terġa’ titfaċċa sa 11-il xahar – meta mqabbel ma’ 7 xhur għal dawk il-pazjenti li użaw biss bortezomib u dexamethasone.
Il-benefiċċju tal-użu ta’ Imnovid ma’ dexamethasone
Meta Imnovid jintuża ma’ dexamethasone, f’persuni li ħadu mill-inqas żewġ kuri oħra, jista’ jwaqqaf il-majeloma multipla milli taqleb għall-agħar:
- Bħala medja, Imnovid meta intuża ma’ dexamethasone, waqqaf il-majeloma multipla milli tiġi lura għal sa 4 xhur meta mqabbel ma’ xahrejn għal dawk il-pazjenti li użaw dexamethasone biss.
2. X’għandek tkun taf qabel ma tieħu Imnovid
Tiħux Imnovid:
- jekk inti tqila jew taħseb li int tqila, jew jekk qed tippjana li toħroġ tqila – dan hu minħabba li Imnovid hu mistenni li jkun ta’ ħsara għat-tarbija fil-ġuf. (Irġiel u nisa li jkunu qed jieħdu din il-mediċina jridu jaqraw is-sezzjoni “Tqala, kontraċezzjoni u treddigħ – informazzjoni għan-nisa u l-irġiel” hawn taħt).
- jekk tista’ toħroġ tqila, ħlief jekk issegwi l-miżuri kollha neċessarji ta’ prevenzjoni li ma jħallukx toħroġ tqila (ara “Tqala kontraċezzjoni u treddigħ – informazzjoni għan-nisa u l-irġiel.”). Jekk tista’ toħroġ tqila, it-tabib tiegħek ser jikteb ma’ kull riċetta, li l-miżuri neċessarji ttieħdu, u ser jagħtik din il-konferma.
- jekk inti allerġiku għal pomalidomide jew għal xi sustanza oħra ta’ din il-mediċina (imniżżla fis-sezzjoni 6). Jekk taħseb li tista’ tkun allerġiku/a, staqsi lit-tabib tiegħek għal parir.
Jekk m’intix ċert jekk xi waħda mill-kundizzjonijiet t’hawn fuq tapplikax għalik, kellem lit-tabib, lill-ispiżjar jew lill-infermier tiegħek qabel ma tieħu Imnovid.
Twissijiet u prekawzjonijiet
Kellem lit-tabib, lill-ispiżjar jew lill-infermier tiegħek qabel tieħu Imnovid jekk:
- fil-passat kellek xi emboli tad-demm. Matul il-kura b’Imnovid ikollok żieda fir-riskju li tiżviluppa emboli tad-demm fil-vini u fl-arterji tiegħek. It-tabib tiegħek jista’ jirrakkomanda li tieħu kuri addizzjonali (eż. warfarin) jew ibaxxi d-doża ta’ Imnovid biex inaqqas iċ-ċans li tiżviluppa dawn l-emboli tad-demm.
- qatt kellek reazzjoni allerġika bħal raxx, ħakk, nefħa, sturdament jew problemi biex tieħu n-nifs waqt li kont qed tieħu mediċini relatati li jissejħu jew ‘thalidomide’ jew ‘lenalidomide’.
- kellek attakk ta’ qalb, għandek insuffiċjenza tal-qalb, għandek diffikultà biex tieħu n-nifs, jew jekk tpejjep, għandek pressjoni tad-demm għolja jew livelli għoljin ta’ kolesterol.
- ammont totali għoli ta’ tumur ġo ġismek kollu, li jinkludi l-mudullun. Dan jista’ jwassal għal kundizzjoni fejn it-tumuri jitkissru u jikkawżaw livelli mhux tas-soltu ta’ kimiċi fid-demm li jistgħu jwasslu għal insuffiċjenza tal-kliewi. Jista’ jkollok taħbit irregolari tal-qalb. Din il-kundizzjoni tissejjaħ sindrome tal-lisi tat-tumur.
- għandek jew kellek fil-passat newropatija (ħsara fin-nervaturi li tikkawża tnemnim jew uġigħ f’idejk jew f’saqajk).
- għandek jew qatt kellek infezzjoni tal-epatite B. It-trattament b’Imnovid jista’ jikkawża li l-virus tal-epatite B jerġa’ jsir attiv f’pazjenti li jġorru l-virus, u dan jirriżulta f’rikorrenza tal-infezzjoni. It-tabib tiegħek għandu jiċċekkja jekk qatt kellek infezzjoni bl-epatite B.
- jekk ikollok jew fil-passat kellek kombinazzjoni ta’ kwalunkwe mis-sintomi li ġejjin: raxx fuq il-wiċċ jew raxx estiż, ġilda ħamra, deni qawwi, sintomi bħal tal-influwenza, glandoli żgħar tal-limfa (lymph nodes) mkabbra (sinjali ta’ reazzjoni severa tal-ġilda msejħa Reazzjoni tal-Mediċina b’Eosinofilja u Sintomi Sistemiċi (DRESS), jew sindrome ta’ sensittività eċċessiva għall-mediċina, Nekrolisi Epidermali Tossika (TEN) jew Sindrome ta’ Stevens-Johnson (SJS), ara wkoll sezzjoni 4 “Effetti sekondarji possibbli”).
Hu importanti li tinnota li l-pazjenti b’majeloma multipla kkurati b’pomalidomide jistgħu jiżviluppaw tipi addizzjonali ta’ kanċer, u għalhekk it-tabib tiegħek għandu jevalwa bir-reqqa l-benefiċċju u r-riskju meta inti tingħata riċetta għal din il-mediċina.
Fi kwalunkwe ħin waqt jew wara t-trattament tiegħek, għid lit-tabib jew lill-infermier tiegħek minnufih jekk tesperjenza: vista mċajpra, telf tal-vista jew vista doppja, diffikultà biex titkellem, dgħufija fi driegħ jew f’riġel, tibdil fil-mod kif timxi jew problemi bil-bilanċ tiegħek, tnemnim persistenti, sensazzjoni mnaqqsa jew telf ta’ sensazzjoni, telf ta’ memorja jew konfużjoni. Dawn kollha jistgħu jkunu sintomi ta’ kundizzjoni serja u potenzjalment fatali tal-moħħ magħrufa bħala lewkoenċefalopatija multifokali progressiva (PML). Jekk kellek dawn is-sintomi qabel it-trattament b’Imnovid, għid lit-tabib tiegħek dwar kwalunkwe tibdil f’dawn is-sintomi.
Fit-tmiem tal-kura, għandek tieħu lura l-kapsuli kollha mhux użati għand l-ispiżjar.
Tqala, kontraċezzjoni u treddigħ – informazzjoni għan-nisa u rġiel
Dawn il-prekawzjonijiet li ġejjin għandhom jiġu segwiti kif iddikjarat fil-Programm għall-Prevenzjoni tat-Tqala ta’ Imnovid. Nisa u rġiel li jkunu qed jieħdu Imnovid m’għandhomx joħorġu tqal jew inisslu tarbija. Dan hu għaliex pomalidomide hu mistenni li jagħmel ħsara lit-tarbija mhux imwielda. Inti u s-sieħba tiegħek għandkom tużaw metodi effettivi ta’ kontraċezzjoni waqt li tkunu qed tieħdu din il-mediċina.
Nisa
Tiħux Imnovid jekk int tqila, taħseb li tista’ tkun tqila jew jekk qed tippjana li toħroġ tqila. Dan hu għaliex din il-mediċina hi mistennija li tagħmel ħsara lit-tarbija mhux imwielda. Qabel tibda l-kura, għandek tgħid lit-tabib tiegħek jekk tista’ toħroġ tqila, anki jekk taħseb li dan x’aktarx li mhux se jseħħ.
Jekk tista’ toħroġ tqila:
- trid tuża metodi effettivi ta’ kontraċezzjoni għal mill-inqas 4 ġimgħat qabel ma tibda l-kura, għaż-żmien kollu li tkun qed tieħu l-kura, u sa mill-inqas 4 ġimgħat wara li twaqqaf il-kura. Kellem lit-tabib tiegħek dwar l-aħjar metodu ta’ kontraċezzjoni għalik.
- kull darba li t-tabib tiegħek jagħtik riċetta, hu se jiżgura li inti tifhem il-miżuri neċessarji li jridu jittieħdu biex tevita t-tqala.
- it-tabib tiegħek se jippjana biex ikollok testijiet tat-tqala qabel il-kura, kull mill-inqas 4 ġimgħat matul il-kura, u mill-inqas 4 ġimgħat wara t-tmiem tal-kura
Jekk toħroġ tqila minkejja li tkun użajt il-miżuri ta’ prevenzjoni:
- trid waqqaf il-kura u tkellem lit-tabib tiegħek immedjatment
Treddigħ
Mhux magħruf jekk Imnovid jgħaddix fil-ħalib tal-omm. Għid lit-tabib tiegħek jekk qed tredda’ jew jekk għandek l-intenzjoni li tredda’. It-tabib tiegħek se jagħtik parir jekk għandekx twaqqaf jew tkompli t-treddigħ.
Irġiel
Imnovid jgħaddi fis-semen tal-bniedem.
- Jekk is-sieħba tiegħek hi tqila jew tista’ toħroġ tqila, inti trid tuża l-kondoms għaż-żmien kollu li tkun qed tieħu l-kura u għal 7 ijiem wara li tintemm il-kura.
- Jekk is-sieħba tiegħek toħroġ tqila waqt li inti tkun qed tieħu Imnovid, għandek tinforma lit-tabib tiegħek immedjatament. Is-sieħba tiegħek għandha tgħid lit-tabib tagħha immedjatament ukoll.
M’għandekx tagħti semen jew sperma matul il-kura u għal għal 7 ijiem wara t-tmiem tal-kura.
Għoti ta’ demm u testijiet tad-demm
M’għandekx tagħti demm matul il-kura u għal 7 ijiem wara t-tmiem tal-kura.
Qabel u matul il-kura b’Imnovid, se jsirulek testijiet regolari tad-demm. Dan hu minħabba li l-mediċina tista’ tikkawża tnaqqis fin-numru ta’ ċelluli tad-demm li jgħinu biex jiġġieldu kontra l-infezzjonijiet (ċelluli bojod) u fin-numru ta’ ċelluli li jgħinu biex iwaqqfu l-ħruġ ta’ demm (plejtlits).
It-tabib tiegħek għandu jitolbok biex tagħmel test tad-demm:
- qabel il-kura
- kull ġimgħa għall-ewwel 8 ġimgħat tal-kura
- mill-inqas kull xahar wara dan il-perijodu sakemm iddum tieħu Imnovid.
B’riżultat ta’ dawn it-testijiet, it-tabib tiegħek jista’ jibdel id-doża tiegħek ta’ Imnovid jew iwaqqaf il-kura tiegħek. It-tabib jista’ wkoll jibdel id-doża, jew iwaqqaf il-mediċina, minħabba l-istat ġenerali tas-saħħa tiegħek.
Tfal u adolexxenti
Imnovid mhuwiex irrakkomandat għall-użu fi tfal jew żgħażagħ li għandhom inqas minn 18-il sena.
Mediċini oħra u Imnovid
Għid lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek jekk qed tieħu, ħadt dan l-aħħar jew tista’ tieħu xi mediċini oħra. Dan hu għaliex Imnovid jista’ jaffettwa l-mod li bih xi mediċini oħra jaħdmu. Flimkien ma’ dan, xi mediċini oħra jistgħu jaffettwaw il-mod kif jaħdem Imnovid.
B’mod partikulari, għid lit-tabib, lill-ispiżjar jew lill-infermier tiegħek qabel tieħu Imnovid jekk qed tieħu xi waħda minn dawn il-mediċini li ġejjin:
- xi antifungali bħal ketoconazole
- xi antibijotiċi (pereżempju ciprofloxacin, enoxacin)
- ċerti antidipressanti bħal fluvoxamine.
Sewqan u tħaddim ta’ magni
Xi nies iħosshom għajjenin, storduti, iħosshom ħażin, konfużi jew inqas attenti meta jieħdu Imnovid. Jekk dan jiġri lilek, issuqx u tħaddimx għodda jew makkinarju.
Imnovid fih sodium
Dan il-prodott mediċinali fih anqas minn 1 mmol ta’ sodium (23 mg) f’kull kapsula, jiġifieri essenzjalment ‘ħieles mis-sodium’.
3. Kif għandek tieħu Imnovid
Imnovid irid jingħatalek minn tabib b’esperjenza fil-kura ta’ majeloma multipla.
Dejjem għandek tieħu l-mediċini tiegħek skont il-parir eżatt tat-tabib tiegħek. Iċċekkja mat-tabib, mal-ispiżjar jew mal-infermier tiegħek jekk ikollok xi dubju.
Meta għandek tieħu Imnovid ma’ mediċini oħrajn
Imnovid ma’ bortezomib u dexamethasone
- Ara l-fuljetti ta’ tagħrif li jiġu ma’ bortezomib u dexamethasone għal aktar informazzjoni dwar l-użu u l-effetti tagħhom.
- Imnovid, bortezomib u dexamethasone jittieħdu f’‘ċikli ta’ kura’. Kull ċiklu jdum 21 jum (3 ġimgħat).
- Ara l-grafika t’hawn taħt biex tara x’għandek tieħu f’kull jum taċ-ċiklu ta’ 3 ġimgħat:
- Kuljum, ħares lejn il-grafika u sib il-jum it-tajjeb biex tara liema mediċini għandek tieħu.
- F’xi jiem, tieħu t-3 mediċini kollha, f’xi jiem tieħu biss 2 mediċini jew 1, u f’xi jiem ma tieħu xejn.
IMN: Imnovid; BOR: Bortezomib; DEX: Dexamethasone
Ċiklu 1 sa 8 | |||
Isem il-mediċina | |||
---|---|---|---|
Jum | IMN | BOR | DEX |
1 | √ | √ | √ |
2 | √ | √ | |
3 | √ | ||
4 | √ | √ | √ |
5 | √ | √ | |
6 | √ | ||
7 | √ | ||
8 | √ | √ | √ |
9 | √ | √ | |
10 | √ | ||
11 | √ | √ | √ |
12 | √ | √ | |
13 | √ | ||
14 | √ | ||
15 | |||
16 | |||
17 | |||
18 | |||
19 | |||
20 | |||
21 |
Minn Ċiklu 9 ’il quddiem | |||
Isem il-mediċina | |||
---|---|---|---|
Jum | IMN | BOR | DEX |
1 | √ | √ | √ |
2 | √ | √ | |
3 | √ | ||
4 | √ | ||
5 | √ | ||
6 | √ | ||
7 | √ | ||
8 | √ | √ | √ |
9 | √ | √ | |
10 | √ | ||
11 | √ | ||
12 | √ | ||
13 | √ | ||
14 | √ | ||
15 | |||
16 | |||
17 | |||
18 | |||
19 | |||
20 | |||
21 |
- Wara li tlesti kull ċiklu ta’ 3 ġimgħat, ibda wieħed ġdid.
Imnovid ma’ dexamethasone biss
- Ara l-fuljett ta’ tagħrif li jiġi ma’ dexamethasone għal informazzjoni addizzjonali dwar l-użu u l-effetti tiegħu.
- Imnovid u dexamethasone jittieħdu f’‘ċikli ta’ kura’. Kull ċiklu jdum 28 jum (4 ġimgħat).
- Ara l-grafika t’hawn taħt biex tara x’għandek tieħu f’kull jum taċ-ċiklu ta’ 4 ġimgħat:
- Kuljum, ħares lejn il-grafika u sib il-jum it-tajjeb biex tara liema mediċini għandek tieħu.
- F’xi jiem, tieħu ż-żewġ mediċini, f’xi jiem tieħu mediċina 1 biss, u f’xi jiem ma tieħu xejn.
IMN: Imnovid; DEX: Dexamethasone
Isem il-mediċina | ||
---|---|---|
Jum | IMN | DEX |
1 | √ | √ |
2 | √ | |
3 | √ | |
4 | √ | |
5 | √ | |
6 | √ | |
7 | √ | |
8 | √ | √ |
9 | √ | |
10 | √ | |
11 | √ | |
12 | √ | |
13 | √ | |
14 | √ | |
15 | √ | √ |
16 | √ | |
17 | √ | |
18 | √ | |
19 | √ | |
20 | √ | |
21 | √ | |
22 | √ | |
23 | ||
24 | ||
25 | ||
26 | ||
27 | ||
28 |
- Wara li tlesti kull ċiklu ta’ 4 ġimgħat, ibda wieħed ġdid.
Kemm għandek tieħu Imnovid ma’ mediċini oħra
Imnovid ma’ bortezomib u dexamethasone
- Id-doża tal-bidu rakkomandata ta’ Imnovid hi ta’ 4 mg kuljum.
- Id-doża tal-bidu rakkomandata ta’ bortezomib se tinħadem mit-tabib tiegħek ibbażata fuq it-tul u l-piż tiegħek (1.3 mg/m2 erja tas-superfiċje tal-ġisem).
- Id-doża tal-bidu rakkomandata ta’ dexamethasone hi ta’ 20 mg kuljum. Madankollu, jekk għandek aktar minn 75 sena, id-doża tal-bidu rakkomandata hi ta’ 10 mg kuljum.
Imnovid ma’ dexamethasone biss
- Id-doża rakkomandata ta’ Imnovid hija ta’ 4 mg darba kuljum.
- Id-doża tal-bidu rakkomandata ta’ dexamethasone hi ta’ 40 mg kuljum. Madankollu, jekk għandek aktar minn 75 sena, id-doża tal-bidu rakkomandata hi ta’ 20 mg kuljum.
- It-tabib tiegħek jista’ jkollu bżonn li jnaqqas id-doża ta’ Imnovid, bortezomib jew dexamethasone jew iwaqqaf waħda jew iżjed minn dawn il-mediċini skont ir-riżultati tat-testijiet tad-demm tiegħek, il-kundizzjoni ġenerali tiegħek, mediċini oħrajn li tista’ tkun qed tieħu (eż. ciprofloxacin, enoxacin u fluvoxamine) u jekk ikollok effetti sekondarji (speċjalment raxx jew nefħa) minħabba l-kura.
Jekk tbati minn problemi tal-fwied jew tal-kliewi, it-tabib tiegħek se jiċċekkja l-kundizzjoni tiegħek b’reqqa kbira waqt li tkun qed tirċievi din il-mediċina.
Kif għandek tieħu Imnovid
- Tkissirx, tiftaħx u tomgħodx il-kapsuli. Jekk it-trab minn kapsula miksura jmiss mal-ġilda, aħsel il-ġilda immedjatament u bir-reqqa bis-sapun u bl-ilma.
- Il-professjonisti tal-kura tas-saħħa, il-persuni li jieħdu ħsieb il-pazjenti, u l-familjari għandhom jilbsu ingwanti li jintremew meta jmissu l-folja jew il-kapsula. L-ingwanti mbagħad għandhom jitneħħew b’attenzjoni biex jiġi evitat li tiġi esposta l-ġilda, jitpoġġew f’borża tal-plastik tal-polyethylene li tista’ tiġi ssiġillata u jintremew skont il-liġijiet lokali. Imbagħad għandhom jaħslu idejhom sew bis-sapun u l-ilma. Nisa tqal jew li jissusspettaw li huma tqal m’għandhomx imissu l-folja jew il-kapsula.
- Ibla’ l-kapsuli sħaħ, preferibbilment mal-ilma.
- Tista’ tieħu l-kapsuli jew mal-ikel jew fuq stonku vojt.
- Ħu l-kapsuli tiegħek bejn wieħed u ieħor fl-istess ħin kuljum.
Biex tneħħi l-kapsula mill-folja, agħfas ’il barra tarf wieħed biss tal-kapsula biex tgħaddiha minn ġol-fojl. Tagħfasx fuq iċ-ċentru tal-kapsula, għax dan jista’ jikkawża li din tinqasam.
It-tabib tiegħek se jagħtik parir dwar kif u meta għandek tieħu Imnovid jekk għandek problemi tal-kliewi u tkun qed tirċievi kura permezz ta’ dijalisi.
Tul tal-kura b’ Imnovid
Għandek tkompli ċ-ċikli tal-kura sakemm it-tabib tiegħek jgħidlek biex tieqaf.
Jekk tieħu Imnovid aktar milli suppost
Jekk tieħu aktar Imnovid milli suppost, kellem lil tabib jew mur fi sptar immedjatament. Ħu l-pakkett tal-mediċina miegħek.
Jekk tinsa tieħu Imnovid
Jekk tinsa tieħu Imnovid f’jum meta suppost kellek tieħdu, ħu l-kapsula li jkun imiss fil-ħin normali l-għada. Iżżidx in-numru ta’ kapsuli li tieħu biex tpatti għad-doża ta’ Imnovid li tkun insejt tieħu fil-jum ta’ qabel.
Jekk għandek aktar mistoqsijiet dwar l-użu ta’ din il-mediċina, staqsi lit-tabib jew lill-ispiżjar tiegħek.
4. Effetti sekondarji possibbli
Bħal kull mediċina oħra, din il-mediċina tista’ tikkawża effetti sekondarji, għalkemm ma jidhrux f’kulħadd.
Effetti sekondarji serji
Għandek tieqaf tieħu Imnovid u tara tabib immedjatment jekk tinnota kwalunkwe minn dawn l-effetti sekondarji li ġejjin – jista’ jkollok bżonn ta’ kura medika urġenti:
- Deni, tkexkix ta’ bard, uġigħ fil-griżmejn, sogħla, ulċeri fil-ħalq jew kwalunkwe sinjali oħrajn ta’ infezzjoni (minħabba inqas ċelluli tad-demm bojod, li jiġġieldu l-infezzjoni).
- Ħruġ ta’ demm jew tbenġil mingħajr kawża, li jinkludu fġir mill-imnieħer u emorraġija mill-imsaren jew mill-istonku (minħabba l-effetti fuq ċelluli tad-demm imsejħa ‘plejtlits’).
- Nifs mgħaġġel, polz mgħaġġel, deni u tkexkix ta’ bard, tagħmel ammont żgħir ħafna ta’ awrina jew ma tagħmilx awrina, dardir u rimettar, konfużjoni, tintilef minn sensik (minħabba infezzjoni tad-demm imsejħa sepsis jew xokk settiku).
- Dijarea severa, persistenti jew bid-demm (possibbilment b’uġigħ fl-istonku jew deni) kkawżata minn batterja msejħa Clostridium difficile.
- Uġigħ fis-sider, jew uġigħ u nefħa fir-riġlejn, speċjalment fin-naħa t’isfel tar-riġlejn jew fil-pexxun (ikkawżati minn emboli tad-demm).
- Qtugħ ta’ nifs (minn infezzjoni serja tas-sider, infjammazzjoni tal-pulmun, insuffiċjenza tal-qalb jew embolu tad-demm).
- Nefħa tal-wiċċ, xufftejn, ilsien u gerżuma, li tista’ tikkawża diffikultà biex tieħu n-nifs (minħabba tipi serji ta’ reazzjoni allerġika msejħa anġjoedema u reazzjoni anafilattika).
- Ċerti tipi ta’ kanċer tal-ġilda (karċinoma taċ-ċelluli skwamużi u karċinoma taċ-ċellula bażali), li jistgħu jikkawżaw bidliet fid-dehra tal-ġilda tiegħek jew tkabbir fuq il-ġilda tiegħek. Jekk tinnota kwalunkwe tibdil fil-ġilda tiegħek waqt li tkun qed tieħu Imnovid, għid lit-tabib tiegħek mill-aktar fis possibbli.
- Ir-rikorrenza ta’ infezzjoni bl-epatite B, li tista’ tikkawża sfurija fil-ġilda u l-għajnejn, awrina ta’ lewn kannella skur, uġigħ fin-naħa tal-lemin tal-addome, deni u tħossok imdardar jew tirremetti. Għid lit-tabib tiegħek immedjatament jekk tinnota xi wieħed minn dawn is-sintomi.
- Raxx mifrux, temperatura tal-ġisem għolja, glandoli żgħar tal-limfa (lymph nodes) mkabbra u involviment ta’ organi oħrajn tal-ġisem (Reazzjoni tal-Mediċina b’Eosinofilja u Sintomi Sistemiċi magħrufa wkoll bħala DRESS jew sindrome ta’ sensittività eċċessiva għall-mediċina, Nekrolisi Epidermali Tossika jew Sindrome ta’ Stevens-Johnson). Ieqaf uża pomalidomide jekk tiżviluppa dawn is-sintomi u kkuntattja lit-tabib tiegħek jew fittex attenzjoni medika immedjatament. Ara wkoll sezzjoni 2.
Għandek tieqaf tieħu Imnovid u tara tabib immedjatment jekk tinnota kwalunkwe minn dawn l-effetti sekondarji elenkati hawn fuq – jista’ jkollok bżonn ta’ kura medika urġenti.
Effetti sekondarji oħrajn
Komuni ħafna (jistgħu jaffettwaw iktar minn persuna 1 minn kull 10):
- Qtugħ ta’ nifs (dispnea).
- Infezzjonijiet tal-pulmun (pnewmonja u bronkite).
- Infezzjonijiet fl-imnieħer, sinusis u fil-gerżuma, ikkawżati minn batterji jew viruses.
- Sintomi bħal tal-influwenza (influwenza).
- Ammont baxx ta’ ċelluli tad-demm ħomor, li jista’ jikkawża anemija li twassal għal għeja u dgħjufija.
- Livelli baxxi ta’ postassium fid-demm (ipokalemija), li jistgħu jikkawżaw dgħjufija, bugħawwieġ, uġigħ fil-muskoli, palpitazzjonijiet, tingiż jew tnemnim, dispnea, bidliet fil-burdata.
- Livelli għoljin ta’ zokkor fid-demm.
- Rata mgħaġġla u irregolari ta’ taħbit ta’ qalb (fibrillazzjoni atrijali).
- Telf ta’ aptit.
- Stitikezza, dijarea jew dardir.
- Tirremetti (taqla’).
- Uġigħ fiż żaqq.
- Nuqqas ta’ enerġija.
- Diffikultà biex torqod jew tibqa’ rieqed
- Sturdament, rogħda.
- Spażmu fil-muskoli, dgħjufija fil-muskoli.
- Uġigħ fl-għadam, uġigħ fid-dahar
- Tmewwit, sensazzjoni ta’ tingiż jew ħruq fil-ġilda, uġigħ fl-idejn jew fis-saqajn (newropatija sensorjali periferali)
- Nefħa tal-ġisem, li tinkludi nefħa fid-dirgħajn jew fir-riġlejn.
- Raxxijiet.
- Infezzjoni fil-passaġġ tal-awrina, li tista’ tikkawża sensazzjoni ta’ ħruq meta tgħaddi l-awrina, jew bżonn li tgħaddi l-awrina aktar frekwenti.
Komuni (jistgħu jaffettwaw sa persuna 1 minn kull 10):
- Waqgħat.
- Ħruġ ta’ demm fil-kranju.
- Kapaċità mnaqqsa li timxi jew tħoss (sensazzjoni) f’idejk, f’dirgħajk, f’saqajk u f’riġlejk minħabba ħsara fin-nervituri (newropatija sensimotorja periferali).
- Titrix, ħakk, u tingiż fil-ġilda tiegħek (parestesija).
- Sensazzjoni li rasek qed iddur bik, li tagħmilha diffiċli li tqum bilwieqfa u timxi normali.
- Nefħa kkawżata minn fluwidu.
- Ħorriqija (urtikarja).
- Ħakk fil-ġilda.
- Ħruq ta’ Sant’Antnin.
- Attakk tal-qalb (uġigħ fis-sider li jinfirex għad-dirgħajn, l-għonq, il-geddum, tħossok bil-għaraq u bla nifs, tħossok imdardar jew tirremetti).
- Uġigħ fis-sider, infezzjoni fis-sider.
- Żieda fil-pressjoni tad-demm.
- Tnaqqis fin-numru ta’ ċelloli ħomor u bojod tad-demm u plejtlits fl-istess ħin (panċitopenja), li tagħmlek iktar suxxettibbli għall-ħruġ ta’ demm u tbenġil. Taf tħossok għajjien u debboli, u bla nifs u ser tkun ukoll iktar suxxettibbli għal infezzjonijiet.
- Tnaqqis fl-għadd ta’ limfoċiti (tip wieħed ta’ ċelluli tad-demm bojod) ħafna drabi kkawżat minn infezzjoni (limfopenija).
- Livelli baxxi ta’ magnesium fid-demm (ipomanjeżemija), li jistgħu jikkawżaw għeja, dgħjufija ġenerali, bugħawwieġ, irritabbiltà u jistgħu jirriżultaw f’livelli baxxi ta’ calcium fid-demm (ipokalċemija), li jistgħu jikkawżaw titrix u/jew tnemnim fl-idejn, fis-saqajn, jew fix-xofftejn, bugħawwieġ, dgħjufija fil-muskoli, mejt, konfużjoni.
- Livell baxx ta’ phosphate fid-demm (ipofosfatemija), li jista’ jikkawża dgħjufija fil-muskoli u irritabbiltà jew konfużjoni.
- Livell għoli ta’ kalċju fid-demm (iperkalċemija), li jista’ jikkawża dewmien tar-riflessi u dgħufiji fil-muskoli tal-iskeletru.
- Livelli għoljin ta’ potassium fid-demm li jistgħu jikkawżaw ritmu mhux normali tal-qalb.
- Livelli baxxi ta’ sodium fid-demm, li jistgħu jikkawżaw għeja u konfużjoni, kontrazzjonijiet tal-muskoli, aċċessjonijiet (aċċessjonijiet epilettiċi) jew koma.
- Livelli għoljin ta’ uric acid fid-demm, li jistgħu jikkawżaw forma ta’ artrite li tissejjaħ gotta.
- Pressjoni baxxa tad-demm, li tista’ tikkawża sturdament jew ħass ħażin.
- Uġigħ fil-ħalq jew ħalq xott.
- Tibdil fil-mod kif jintiegħmu l-affarijiet.
- Nefħa fiż-żaqq.
- Tħossok konfuż.
- Tħossok imdejjaq (burdata dipressiva).
- Tintilef minn sensik, jagħtik ħass ħażin.
- L-għajnejn jiċċajpru (katarretti).
- Ħsara lill-kliewi.
- Ma tkunx kapaċi tagħmel l-awrina.
- Test tal-fwied b’riżultati mhux normali.
- Uġigħ fil-pelviċi.
- Telf ta’ piż.
Mhux komuni (jistgħu jaffettwaw sa persuna 1 minn kull 100):
- Puplesija
- Infjammazzjoni tal-fwied (epatite) li tista’ tikkawża ħakk fil-ġilda, sfura tal-ġilda u tal-abjad tal-għajnejn (suffejra), ippurgar ta’ kulur ċar, awrina skura u wġigħ ta’ żaqq.
- It-tkissir taċ-ċelloli tal-kanċer jirriżulta fil-ħruġ ta’ komposti tossiċi fid-demm (sindrome tal-lisi tat-tumur). Dan jista’ jikkawża problemi fil-kliewi.
- Glandola tat-tirojde li mhix attiva biżżejjed, li tista’ tikkawża sintomi bħal għeja, letarġija, dgħjufija tal-muskoli, ritmu tal-qalb baxx, żieda fil-piż.
Mhux magħrufa (ma tistax tittieħed stima mid-data disponibbli):
- Rifjut ta’ trapjant ta’ organu solidu (bħal kilwa jew qalb).
Rappurtar tal-effetti sekondarji
Jekk ikollok xi effett sekondarju, kellem lit-tabib, lill-ispiżjar jew l-infermier tiegħek. Dan jinkludi xi effett sekondarju possibbli li mhuwiex elenkat f’dan il-fuljett. Tista’ wkoll tirrapporta effetti sekondarji direttament permezz tas-sistema ta’ rappurtar nazzjonali imniżżla f’Appendiċi V. Billi tirrapporta l-effetti sekondarji tista’ tgħin biex tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar is-sigurtà ta’ din il-mediċina.
5. Kif taħżen Imnovid
Żomm din il-mediċina fejn ma tidhirx u ma tintlaħaqx mit-tfal.
Tużax din il-mediċina wara d-data ta’ meta tiskadi li tidher fuq il-folja u l-kartuna wara EXP. Id-data ta’ meta tiskadi tirreferi għall-aħħar ġurnata ta’ dak ix-xahar.
Din il-mediċina m’għandhiex bżonn ħażna speċjali.
Tużax Imnovid jekk tinnota kwalunkwe ħsara jew sinjali ta’ tbagħbis mal-mediċina fil-pakkett.
Tarmix mediċini mal-ilma tad-dranaġġ jew mal-iskart domestiku. Kwalunkwe mediċini mhux użati għandhom jittieħdu lura għand l-ispiżjar fit-tmiem tal-kura. Dawn il-miżuri jgħinu għall-protezzjoni tal-ambjent.
6. Kontenut tal-pakkett u informazzjoni oħra
X’fih Imnovid
- Is-sustanza attiva hi pomalidomide.
- Is-sustanzi mhux attivi l-oħra huma mannitol (E421), starch, pregelatinised, u sodium stearyl fumarate.
Imnovid 1 mg kapsula iebsa:
- Kull kapsula fiha 1 mg ta’ pomalidomide.
- Il-qoxra tal-kapsula fiha: gelatin, titanium dioxide (E171), indigotine (E132) u yellow iron oxide (E172) u linka bajda u sewda.
- Il-linka tal-istampar fiha: shellac, titanium dioxide (E171), simeticone, propylene glycol (E1520) u ammonium hydroxide (E527) (linka bajda) u shellac, iron oxide black (E172), propylene glycol (E1520) u ammonium hydroxide (E527) (linka sewda).
Imnovid 2 mg kapsula iebsa:
- Kull kapsula fiha 2 mg ta’ pomalidomide.
- Il-qoxra tal-kapsula fiha: gelatin, titanium dioxide (E171), indigotine (E132), yellow iron oxide (E172), erythrosin (E127) u linka bajda.
- Il-linka tal-istampar fiha: linka bajda – shellac, titanium dioxide (E171), simeticone, propylene glycol (E1520) u ammonium hydroxide (E527).
Imnovid 3 mg kapsula iebsa:
- Kull kapsula fiha 3 mg ta’ pomalidomide.
- Il-qoxra tal-kapsula fiha: gelatin, titanium dioxide (E171), indigotine (E132), yellow iron oxide (E172) u linka bajda.
- Il-linka tal-istampar fiha: linka bajda – shellac, titanium dioxide (E171), simeticone, propylene glycol (E1520) u ammonium hydroxide (E527).
Imnovid 4 mg kapsula iebsa:
- Kull kapsula fiha 4 mg ta’ pomalidomide.
- Il-qoxra tal-kapsula fiha: gelatin, titanium dioxide (E171), indigotine (E132), brilliant blue FCF (E133), u linka bajda.
- Il-linka tal-istampar fiha: linka bajda – shellac, titanium dioxide (E171), simeticone, propylene glycol (E1520) u ammonium hydroxide (E527).
Kif jidher Imnovid u l-kontenut tal-pakkett
Imnovid 1 mg kapsuli ibsin: Għatu opak blu skur u korp opak isfar bil-kliem “POML 1 mg” miktubin fuqha.
Imnovid 2 mg kapsuli ibsin: Għatu opak blu skur u korp opak oranġjo bil-kliem “POML 2 mg” miktubin fuqha.
Imnovid 3 mg kapsuli ibsin: Għatu opak blu skur u korp opak aħdar bil-kliem “POML 3 mg” miktubin fuqha.
Imnovid 4 mg kapsuli ibsin: Għatu opak blu skur u korp opak blu bil-kliem “POML 4 mg” miktubin fuqha.
Kull pakkett fih 14-il jew 21 kapsula. Jista’ jkun li mhux il-pakketti tad-daqsijiet kollha jkunu fis-suq.
Detentur tal-Awtorizzazzjoni għat-Tqegħid fis-Suq
Bristol‑Myers Squibb Pharma EEIG
Plaza 254
Blanchardstown Corporate Park 2
Dublin 15, D15 T867
L-Irlanda
Manifattur
Celgene Distribution B.V.
Orteliuslaan 1000
3528 BD Utrecht
L-Olanda
Dan il-fuljett kien rivedut l-aħħar f’
Sorsi oħra ta’ informazzjoni
Informazzjoni dettaljata dwar din il-mediċina tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini: http://www.ema.europa.eu. Hemm ukoll links għal siti elettroniċi oħra dwar mard rari u kura.
Informazzjoni ddettaljata dwar din il-mediċina hija disponibbli wkoll billi wieħed jiskennja l-kodiċi QR fuq il-pakkett ta’ barra bi smartphone. L-istess informazzjoni hija disponibbli wkoll fuq il-URL li ġej: www.imnovid-eu-pil.com.